San Ġorġ Preca

San Ġorġ Preca

Dun Ġorġ twieled fil-Belt Valletta, nhar it-12 ta' Frar 1880. Irċieva trobbija nisranija mingħand il-ġenituri tiegħu. L-istudji tiegħu għamilhom fil-Liċeo u fis-Seminarju. Kien ta' saħħa fraġli, tant li meta kien djaknu marad serjament u t-tabib tiegħu ma kellu ebda fiduċja li jfiq.Iżda bl-interċessjoni ta' San Ġużepp, fieq u ordna saċerdot fit-22 ta' Diċembru 1906. Sa minn qabel ma sar qassis, Dun Ġorġ intebaħ li l-poplu ta' Alla kien jinħtieġ min jgħallmu. Beda jikteb regola bil-Latin bil-ħsieb li jibgħata lill-Papa San Piju X biex iwaqqaf soċjetà ta' djakni permanenti ħalli jgħinu lill-isqfijiet fil-formazzjoni nisranija bit-tagħlim.

Il-Knisja parrokkjali tal-Ħamrun fejn serva ta' saċerdot.

Dan il-ħsieb kellu jseħħ xorta oħra. Dun Ġorġ beda jifforma hu stess grupp ta' żagħżagħ biex ikunu kapaċi jgħallmu lill-oħrajn. Xeħet attenzjoni speċjali fuq daqsxejn ta' żagħżugħ jaħdem it-Tarzna, is-Serv t'Alla Ewġenju 'Ġeġè' Borg, u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-ħajja ta' Ġesù Kristu skond l-Evanġelju ta' San Ġwann. Ġeġè kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.

Is-Soċjetà rat il-bidu tagħha fl-ewwel xhur ta' l-1907, fil-Ħamrun, f'post fqir minn kollox iżda għani fl-imħabba ta' l-aħwa u t-tagħlim. Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija hi magħrufa l-aktar bil-motto tagħha, M.U.S.E.U.M. -- Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus: Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju! Mhux kulħadd fehem mill-ewwel x'ried jagħmel Dun Ġorġ. Kien hemm min fehemu ħażin. Il-Bibbja u t-teoloġija f'idejn lajċi ħaddiema kienet ħaġa ġdida. U kienet wisq aktar ġdida li dawn il-lajċi joħorġu fit-toroq u l-pjazez ixandru l-Kelma ta' Alla lil kulħadd. Wara 25 sena l-Isqof ta' Malta approva r-Regola u s-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.

Id-Djar għat-tagħlim nisrani bdew jiftħu waħda wara l-oħra fil-parroċċi. Inħass il-bżonn kbir ta' l-edukazzjoni reliġjuża tal-poplu għax il-ħajja nisranija tal-kotra kienet mibnija fuq is-sagramenti u d-devozzjonijiet bla ma kien hemm għeruq sodi fit-tagħlim tal-Knisja. It-tfal bdew jigu kuljum fid-Djar ta' Dun Ġorġ għax hemm sabu nies dedikati li jgħinuhom jikbru, mhux biss fil-ħinijiet tat-tagħlim iżda wkoll waqt il-logħob.

St George Preca with First Superior General

San Ġorġ Preca (fin-nofs) mal-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà Ewġenju Borg (xellug).

Sa mill-bidu nett, Dun Ġorġ obbliga lill-katekisti ċelibi tal-Għaqda tiegħu li kuljum, wara li jkunu temmew jgħallmu liż-żgħar u lill-kbar, jiltaqgħu flimkien għal siegħa ta' formazzjoni. Ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f'Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150.

It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruh mistika mehdija tfittex lil Alla biss. Mhux ta' b'xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta l-fejqan lil xi uħud.

Pope's visit

Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jitlob fuq il-qabar tal-Qaddis dakinhar li ġie bbeatifikat - 9 ta' Mejju 2001.

Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjetà tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu bagħat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll djar tat-tagħlim u skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Perù, f'Londra, fl-Albanija u iktar riċentament fil-Polonja u f'Kuba.

Dun Ġorġ miet f'Santa Venera, fejn qatta' l-aħħar xhur ta' ħajtu, fis-26 ta' Lulju 1962. Il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-kappella tad-Dar Ġenerali tas-Soċjetà fil-Blata l-Bajda.

Il-Kawża tal-Beatifikazzjoni tiegħu, ġiet mibdija fl-1975 u fid-9 ta' Mejju 2001 Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu mil-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni fuq il-Fosos Tal-Furjana, Malta. Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-Beatu Dun Ġorġ.

Dun Ġorġ ġie ddikkjarat qaddis nhar il-Ħadd 3 ta' Ġunju, 2007 mill-Papa Benedittu XVI fil-Pjazza tal-Vatikan.

Jekk ikollok bżonn aktar informazzjoni jew tkun qlajt xi grazzja bl-interċessjoni ta' San Ġorġ Preca, jekk jogħġbok ikkuntattja:

Is-Segretarju Ġenerali
Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, MUSUEM,
207, Triq San Ġorġ Preca
Marsa. MRS 9010
MALTA. EUROPE.

Tel: +356 22 290333
Email: info@sdcmuseum.org / info@sdc.me.uk